Saħħa Mentali

Matul is-sena 2019, sejrin nistabbilixxu numru ta’ servizzi ġodda tas-saħħa.  Ewlenin fosthom huma numru ta’ faċilitajiet li se nkunu qed isaħħu s-settur tas-saħħa mentali.  Dan is-settur intesa minn ħafna leġiżlazzjonijiet preċedenti u għaldaqstant il-Gvern jemmen li wasal iż-żmien li jingħata l-attenzjoni mistħoqqa.

Il-Gvern se jibda jinvesti fi Klinika tas-Saħħa Mentali fit-Tramuntana ta’ Malta, kif ukoll Ċentru ta’ Matul il-Jum u hostels li jkunu qed jippermettu li pazjenti bi problemi minuri ta’ natura mentali jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu fil-komunitaˋ u jibqgħu attivi kemm jistgħu.

Investiment fis-servizzi f’Mater Dei

Sadanittant, l-investiment fis-servizzi tal-Isptar Mater Dei se jibqa’ jintensifika. Se jingħata bidu għal bini ta’ blokka ġdida għas-servizz tal-outpatients fl-Isptar Mater Dei, liema blokka se tkun attrezzata aħjar minn dik eżistenti, u li se tippermettilna nespandu s-servizzi inpatient fis-sezzjoni li llum tospita l-outpatients. Abbinat ma’ dan il-proġett se jibda xogħol fuq  car park taħt l-art ta’ madwar 500 spazju għall-parkeġġ.

Investiment f’ servizzi oħra ġodda bħal Robotic Surgery, it-tisħiħ ta’ servizzi eżistenti bħal dak tal-IVF u tqegħid ta’ apparat ġdid inkluż l-MRI f’Mater Dei.

Mediċini ġodda

Il-Gvern, se jkompli jinvesti f’aktar mediċini biex jassigura l-kura ta’ aktar pazjenti Maltin u Għawdxin, u jkompli jtejjeb l-aċċess għall-aħjar kura li għandhom il-persuni l-aktar vulnerabbli f’pajjiżna.   Dan se nagħmluh billi nżidu aktar trattamenti innovattivi tal-kanċer.

Għal dan il-għan ġie  mwaqqaf kumitat li se jkun qed jikkunsidra talbiet għal mediċini għal mard jew kumplikazzjonijiet rari, liema trattament ma jkunx diġaˋ fuq il-formolarju tal-Gvern għal dik il-kundizzjoni, u li ħafna drabi jiswa eluf ta’ Ewro kull pazjent. Għaldaqstant, il-Gvern se jivvota somma sostanzjali ta’ flus biex tibda titwettaq din il-miżura.