Aktar riformi

Il-Gvern wera wkoll bil-fatti li huwa l-aktar wieħed femminista li qatt ra pajjiżna. U biex dan inkomplu nsaħħuh, qegħdin naħdmu fuq riforma li hija essenzjali biex dan il-Parlament ikun aktar rappreżentattiv tal-poplu Malti u Għawdxi. Ir-riforma għall-Parlament aktar ugwali issa waslet f’fażi oħra. Wara li s-sena li għaddiet inħoloq kumitat tekniku li mexxa sensiela ta’ laqgħat ma’ stakeholders, fil-ġimgħat li ġejjin, il-Gvern se jippubblika green paper bħala parti minn proċess ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku. Dan bi tħejjija għal numru ta’ emendi legali li se jkunu qed jiġu ppreżentati fil-Parlament sabiex wara jiddaħħlu fil-Kostituzzjoni. Kif għandna mandat mill-poplu, se naraw li jkun hemm rappreżentanza aktar bilanċjata fil-Parlament.

Dħul għal mużewijiet b’xejn

Il-wirt kulturali li għandu l-poplu Malti mhux żgħir u jinħtieg kura biex inħarsuh għall-ġejjieni. Mis-sena d-dieħla l-istudenti kollha li jattendu skejjel sal-livell sekondarju tal-Istat, tal-Knisja jew Indipendenti se jkunu intitolati biex iżuru flimkien ma’ żewg adulti magħhom is-siti u l-muzewijiet ta’ Heritage Malta mingħajr ma jħallsu l-miżata tad-dħul. Dan l-access se jkun qed jingħata kuljum is-sena kollha bla limitu.

Valletta 2018

Kif tintemm il-ħidma tal-Fondazzjoni Valletta 18 fi tmiem din is-sena, il-Gvern ser jwaqqaf l-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta biex isservi bħala punt ta’ referenza ewlenija għall-iżvilupp u attivitajiet kulturali fil-Belt Kapitali u sabiex il-legat li ħalla warajh Valletta 2018 jitkompla. L-Aġenzija ser tħares ukoll l-impenn biex ir-riġenerazzjoni kulturali tal-Belt tibqa’ għaddejja, bil-għan li jissaħħaħ l-impatt fuq l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Belt. Dan se jwassal biex jgħolli l-livell tal-għajxien tar-residenti, l-infrastruttura u s-servizzi.