Avjazzjoni

Ser jibda x-xogħol fuq il-bini tal-Air Traffic Control Centre, ċentru li mistenni jservi aħjar il-ħtiġijiet kollha tas-settur għal mill-inqas ħamsin sena li ġejjin.

Air Malta

Fl-aħħar sena, l-Air Malta rat żieda double digit fin-numru ta’ passiġġieri xahar għal xahar filwaqt li għall-ewwel darba l-kumpanija għalqet is-sena finanzjarja tagħha mingħajr ebda telf.

Għaddejjin bi proċess biex nimmodernizzaw il-flotta tal-Air Malta. Il-mira tas-sena d-dieħla hi li nikkonsolidaw u nkomplu ntejbu l-operat tagħna. Ir-rotot il-ġodda waħedhom mistennija jsarrfu għal xejn anqas minn 250 elf turist addizzjonali lejn pajjiżna.

Assistenza għal Start-Ups

Sabiex inkomplu nkattru l-intraprenditorjat f’pajjiżna, se niffokaw fuq pjan t’azzjoni li jgħin lil start-ups jikbru. F’dan ir-rigward, se tkompli tiġi ppromwovata l-iskema ta’ Seed Investment Scheme.

Att dwar il-Free Zones

Matul din is-sena tkompliet ħidma fuq liġi ġdida dwar  il-kummerċ ħieles, bil-għan li jitwaqqfu żoni ġodda bħal tal-Freeport, skont il-ħtieġa. Dan l-Att mistenni, jiffaċilita investiment ġdid fis-servizzi tal-loġistika Internazzjonali.  Dan mhux biss joħloq impjiegi ġodda imma jkun ta’ għajnuna għal kumpaniji eżistenti billi jwassal għal żieda u titjib fis-servizzi bl-ajru u bil-baħar.

Is-settur tal-Manifattura

Il-Malta Industrial Parks qed taħdem fuq Public Private Partnership (PPP) f’diversi żoni industrijali madwar Malta, sabiex tkun tista’ takkomoda aktar negozji żgħar fi clusters industrijali.

Tech.mt

Sabiex inżidu l-promozzjoni ta’ disruptive technologies, se nkunu qed inpoġġu taħt qafas wieħed, il-fondazzjoni li jmissu mat-teknoloġija. Għalhekk se tkun qed titwaqqaf Tech.mt li se tkun qed taqdi dan ir-rwol.

Inkomplu nibnu fuq l-Istrateġija għat-teknoloġija tal-Blockchain

Sejrin nippreżentaw abbozz ta’ liġi li fih se nkunu qed nagħtu personalità legali lil ċerti aspetti tat-teknoloġija blockchain, filwaqt li se nkunu qed inniedu wkoll dokument li se jispjega kif qed nesploraw li noħolqu qafas regolatorju għal teknoloġiji meqjusa bħala disruptive bħall-Artificial Intelligence u Internet of Things li jikkumplimentaw il-blockchain.

Il-Bank Malti ta’ Żvilupp

Il-Bank għadda minn proċess wiesà ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba strateġiċi sabiex jiġu identifikati oqsma fejn il-Bank jista’ joffri s-servizzi tiegħu sabiex isaħħaħ l-aċċess għal finanzjament ta’ investiment ġdid. Fl-ewwel ta’ Ottubru, il-Bank ipparteċipa fl-ewwel strument finanzjarju b’kollaborazzjoni ma’ bank kummerċjali u mal-Uffiċċju tan-Negozju tal-Familja bil-għan illi jiffaċilita t-trasferiment ta’ dan it-tip ta’ negozji sabiex jizgura s-sostennibbilità ta’dan is-settur. Matul ix-xhur li ġejjin, il-Bank għandu pjanijiet li joffri skemi u faċilitajiet ġodda biex jikkontribwixxi għal aktar investiment kemm minn SMEs kif ukoll fi proġetti ta’ infrastruttura.

Strateġija kontra l-Ħasil ta’ Flus

Wara li matul din is-sena, ġew iffinalizzati r-riżultati tal-evalwazzjoni magħrufa bħala National Risk Assessment fejn jidħol il-ħasil ta’ flus. Tlestiet ukoll l-Istrateġija ta’ Pjan t’Azzjoni, b’ħamsa u erbgħin azzjoni li se jitwettqu fuq medda ta’ tliet snin, li għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ l-istituzzjonijiet regolatorji u ta’ superviżjoni ta’ Malta sabiex ikunu aktar effikaċi fil-ġlieda tagħhom kontra l-ħasil ta’ flus.

L-ewwel azzjoni ta’ dan il-Pjan kien it-twaqqif tal-Kumitat Nazzjonali ta’ Koordinament u li issa għandu Segretarjat li x-xogħol tiegħu hu li jagħti s-sapport u l-assistenza teknika sabiex jara li jiġu mwettqa l-azzjonijiet li jkunu maqbula li għandhom isiru.