Għotja fuq xiri ta’ roti, roti tal-elettriku (pedelec bicycles) u muturi

L-iskema fejn qed tingħata għotja fuq roti u roti elettroniċi li hi ekwivalenti għal refund sħiħ tal-VAT se tiġi estiża għal sena oħra. Anki l-iskema introdotta fil-baġit għal din is-sena, dik li jinċentiva wkoll ix-xiri ta’ muturi, scooters u roti assistiti b’mutur tal-elettriku għal massimu ta’ €400, se tiġi estiża għas-sena d-dieħla.

Trasport kollettiv b’xejn lejn u mill-iskola għall-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex

Ftit tal-ġimgħat ilu, għadna kif implimentajna wegħda oħra elettorali, dik li jkun hemm trasport b’xejn għall-istudenti kollha, irrispettivament liema skola jattendu l-istudenti. B’din il-miżura li tiswa miljun ewro, il-ġenituri ta’ sitta u għoxrin elf student (26,000) se jiffrankaw ras għar-ras, €700 kull sena

Tal-Linja Card b’xejn

Wara li din is-sena estendejna l-għoti tal-Linja Card b’xejn għal wieħed u għoxrin elf (21,000)  żagħżugħ u żagħżugħa fl-età ta’ bejn 16-il sena u l-20 sena, liema skema  kienet ta’ suċċess enormi, ibbenefikaw minn din il-miżura.  Din l-iskema mhux talli se tibqa’ fis-seħħ, iżda saħansitra għas-sena d-dieħla, sejrin nestenduha biex dawk li jkunu għalqu l-għoxrin sena iżda jkunu għadhom studenti full-time, sejrin jibqgħu eliġibbli għat-trasport b’xejn. L-istess se jsir għal dawk li għandhom erbatax -il sena u ’l fuq.

Matul din is-sena se jkun hemm diskussjonijiet mas-CRPD u l-Aġenzija Sapport biex naraw ukoll li jiġu inklużi kategoriji ta’ persuni b’diżabilitaˋ biex  tingħatalhom tal-Linja Card b’xejn.

Trasport Pubbliku

Wara d-diversi studji tekniċi li saru dwar it-titjib meħtieġ fit-tliet landing ferry places, is-sena d-dieħla mistenni li jinbeda x-xogħol fuq il-mollijiet ta’ Bormla, Marsamxett u x-Xatt ta’ Tas-Sliema. Eventwalment isiru landing places ġewwa San Pawl il-Baħar, San Ġiljan u Ta’ Xbiex.

Il-Gvern qed jippjana li jilqa’ għall-isfida tal-parkeġġ f’pajjiżna, li maż-żmien qed tkompli tikber.  Għal dan il-għan, il-Gvern qed jaħdem biex jintroduċi skemi ġodda li permezz tagħhom iħajjar żviluppaturi biex joħolqu parkeġġi ġodda, speċjalment f’żoni urbani, fejn jintużaw ukoll teknoloġija moderna, bħal mobile apps u tabelli elettroniċi li jindikaw il-parkeġġi li hemm disponibbli.

Permezz ta’ ppjanar meqjus u l-aqwa teknoloġiji, għandu jkollna pjattaforma sħiħa ta’ servizzi marbuta mat-trasport, biex tkun iffaċilitata l-ħajja tan-nies.

Ġonna Urbani

Infrastruttura Malta se tibda proġett dwar Ġonna Urbani, fejn bi sħubijiet strateġiċi, ikunu jistgħu jiġu maħluqa u jinżammu żoni ħodor, li jsebbħu u jkunu post ta’ rikreazzjoni, bħala parti mill-proġetti li jsiru. Għal dan il-għan se jiġu allokati €1 miljun għall-ewwel sena.

Tkomplija tal-proġetti ta’ toroq

Il-pjan ta’ €700 miljun biex isiru toroq kollha tal-pajjiż, inkluż Għawdex, fuq seba’ snin, beda. Fis-sena li ġejja, qed nippjanaw li jsir xogħol fuq toroq b’investiment ta’ mitt miljun ewro. Dan juri biċ-ċar l-importanza li lest joffri dan il-Gvern lil dan il-qasam li kien ilu fuq fomm kulħadd għal għexieren ta’ snin. Dan huwa erba’ darbiet aktar milli kien jiġi vvutat qabel.