Estensjoni ta’ skemi eżistenti

Skemi eżistenti li daħħalna tul dawn l-aħħar snin se jerġgħu jiġu estiżi għal sena oħra. Dawn huma l-iskema fit-tnaqqis fit-taxxa tal-boll għall-first time buyers, second time buyers, propjeta vakanti fl-Urban Conservation Areas, xiri ta’ propjeta’ f’Għawdex, u kif ukoll l-iskemi ta’ rifużjoni ta’ spejjeż fuq xogħol ta’ restawr.

Ri-organiżżazzjoni tal-Awtorita’ tad-Djar

L-Awtoritaˋ tad-Djar sejra tagħmel ri-organizzazzjoni interna sabiex tkun qed tkopri l-isfidi kollha lis-settur tad-djar, fejn jidħlu djar soċjali  affordabbli.

Huwa għalhekk li l-Awtoritaˋ ser twaqqaf fi ħdana Unit li jkun qed jiffoka fuq reġistrazzjoni ta’ proprjetaˋ; protezzjoni tas-sidien u infurzar tar-regolamenti.

Riġenerazzjoni tal-Oqsma tad-Djar

L-Awtorità tad-Djar fix-xhur li ġejjin se tkompli l-ħidma tagħha fuq programm ta’ manutenzjoni jew tisbiħ, skont il-bżonnijiet ta’ kull blokka partikolari.  Sejjer ukoll ikompli l-programm ta’ tisbiħ fl-oqsma tal-Bini tal-Gvern.

Proġetti Speċjali

Għas-sena d-dieħla, l-Awtoritaˋ tad-Djar se tkun qed tevalwa żewġ proġetti pilota li se tkun qed tagħmel ma’ entitajiet mhux governattivi. Filwaqt li l-Awtorita’ tad-Djar se tkun qed toħroġ parti mill-ispiża biex din il-proprjetaˋ tiġi irranġata, se tkun qed tidħol f’arranġament mal-entitaˋ mhux governattiva sabiex id-djar jiġu użati għal skop ta’ djar soċjali b’rati ta’ kirjiet orħos minn dak li qed joffri s-suq.

Riġenerazzjoni ta’ propjetaˋ dilapitata

Ġew identifikati numru ta’ proprjetajiet tal-Gvern li huma fi stat dilapilitat, liema proprjetajiet jistgħu jiġu rranġati biex jintużaw bħala djar soċjali.

Housing Soċjali

Filwaqt li għaddej ix-xogħol fuq proġett ta’ 500 appartament b’għajnuna tal-Bank tal-Investiment Ewropew u l-Bank ta’ Żvilupp tal-Kunsill Ewropew,  se jsir xogħol fuq bini ta’ kważi 700 unit għal housing soċjali ieħor, b’investiment ta’ 50 miljun ewro, fejn parti mill-investiment ġej mill-Fond Soċjali u ta’ Żvilupp Nazzjonali (NSDF).  Barra  minn hekk l-Gvern sejjer ikompli joħloq inizjattivi biex ikompli jiżdied l-istokk ta’ djar tal-Gvern.

Skema ta’ Equity Sharing

Persuni li jkunu għalqu l-erbgħin sena, qed isibuha ferm diffiċli li jixtru dar minħabba diffikultaˋ li jieħdu self mill-banek. Matul din is-sena, inbdew taħditiet mal-banek biex tinstab soluzzjoni għal din il-problema. Għalhekk għas-sena d-dieħla, sejrin inniedu skema, fejn, persuni li jkunu għalqu l-erbgħin sena u jitħajru jixtru dar, filwaqt li l-persuna tkun tista’ tħallas mhux inqas minn nofs il-prezz tal-proprjetaˋ, se jkun possibbli li l-bank isellef il-kumplament tan-nefqa u l-persuna tħallas is-self fuq numru ta’ snin. Peroˋ, il-Gvern sejjer ikun qed iħallas l-imgħax, għat-tul is-snin li l-persuna tkun intrabtet li tħallas is-self.

Skema inċentivi sidien għal min jikri proprjetaˋ bi prezz moderat u perjodu fit-tul

Konxji tar-rwol importanti lis-sidien għandhom fil-qasam tas-suq tal-kera fejn jidħlu djar affordabbli, il-Gvern qiegħed f’diskussjonijiet biex iniedi skema li se tkun qed tagħti inċentiv fiskali lis-sid permezz ta’ tnaqqis  ta’ taxxa fuq il-bejgħ tagħha f’ każ ta’ kirja affordabbli għal perjodu ta’ seba’ snin.

Benefiċċju tal-kera – djar soċjali u djar affordabbli

Mis-sena d-dieħla, se jkun hemm bidla radikali ta’ kif l-għajnuna tingħata biex il-kera ssir aktar affordabbli. Dan se jsir billi l-ewwelnett jitneħħa l-means test  fuq kemm l-applikant ikollu assi. Minflok se jkun hemm żewġ kriterji għall-eliġibilitaˋ. L-ewwel wieħed huwa d-dħul gross tal-familja li jinkludi l-pagi u l-imgħaxijiet u li ma jaqbżux il-benchmark stabbilit. It-tieni kriterju hu li l-kirja eżistenti teċċedi l-benchmark għal dik il-familja. L-applikant ikun eliġibbli jekk jikkwalifika miż-żewġ kriterji. L-għajnuna tvarja minn massimu ta ’ tlett  elef ewro  għal ħamest elef ewro fis-sena skont iċ-ċirkostanzi tal-familja.