Self-employed bi dritt ġdid għal kumpens ta’ diżimpjieg

Għall-ewwel darba f’pajjiżna persuni self-employed, li għal xi raġuni jkollhom jieqfu mill-attivitaˋ tagħhom u jibdew jirreġistraw għax-xogħol, se jibdew ikollhom dritt li jirċievu l-benefiċċju għal qgħad skont il-kontribuzzjonijiet li jkunu ħallsu.

Aktar tnaqqis ta’ taxxi għal kull min jaħdem

It-tax refund li ngħatat din is-sena, sejra terġa’ tingħata matul is-sena d-dieħla. Din il-miżura, li se tiswa lill-Gvern €11.5 miljun u se jibbenefikaw ’l fuq minn 200,000 persuna li qegħdin fis-suq tax-xogħol.

Aġġustament għall-impjegati li jitħallsu l-Paga Minima

Matul is-sena li għaddiet, kien sar ftehim storiku bejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali, il-unions kif ukoll min iħaddem, fuq kif għandha tiġi ssuplimentata l-Paga Minima Nazzjonali.

Dak il-ftehim, kien jistipula li impjegati fuq il-paga minima jittellgħu minnha wara li jkunu ilhom sena fl-impjieg ma’ min iħaddimhom. Il-ħaddiem ikun intitolat għal żidiet ta’ €3 fil-ġimgħa tul it-tieni sena fl-impjieg, u fit-tielet sena għal żieda ta’ €3 addizzjonali fil-ġimgħa. Ħaddiema li jkunu qegħdin jaqilgħu aktar mill-paga minima bażika jkunu intitolati għal parti miż-żidiet fit-tieni u t-tielet sena tal-impjieg.

Żieda ta’ ġurnata oħra ta’ leave

Matul din is-sena, bdejna nimplimentaw il-wegħda elettorali  li nagħtu lura lill-ħaddiema l-ġranet tal-festi pubbliċi li jaħbtu fi tmiem il-ġimgħa. Matul is-sena d-dieħla sejrin inżidu ġurnata oħra mal-leave tal-ħaddiema, mill-ġranet li ħadilhom ħaddieħor bla ma kkonsulta.