Rata inqas ta’ VAT fuq kotba elettroniċi u għotja fuq xiri ta’ strumenti mużikali

Ir-rata ta’ VAT li titħallas fuq kotba u oġġetti stampati simili, kif ukoll dawk provduti fuq CD, DVD, SD card jew USB hija ta’ 5%.  Din ir-rata mnaqqsa ta’ VAT issa se tiġi estiża ukoll għal dawk il-kotba, gazzetti u pubblikazzjonijiet li jiġu provduti elettronikament.  Din il-miżura ma tinkludix pubblikazzjonijiet li fil-maġġoranza tagħhom jikkonsistu f’riklami, mużika awdibbli jew videos.

Se nestendu l-għotja li llum qed tingħata lil dawk li jixtru strument mużikali minn Malta, għal għal meta dawn jixtruh minn barra.

Għotja fuq xiri u installazzjoni ta’ impjanti ta’ Reverse Osmosis fid-djar

Se nagħtu rifużjoni ta’ VAT fuq xiri u installazzjoni ta’ apparat li jippurifika l-ilma fid-dar permezz ta’ reverse osmosis jew proċessi oħra sabiex inkomplu ninċentivaw li jitnaqqas l-użu ta’ kontenituri tal-plastik għall-ilma ibbottiljat.

Ser jkun hemm capping ta’ €70 fuq l-ammont tar-rifużjoni tal-VAT.

Għotja fuq spejjeż tat-Tieġ

Se naġġustaw il-massimu ta’ rifużjoni li koppja tingħata fuq spejjeż ta’ Tieġ. L-aħħar darba li ġiet aġġustata din ir-rifużjoni tmur lura għas-sena 2014. Mill-ewwel ta’ Jannar tas-sena d-dieħla, din l-għotja se titla’ minn  €2,000; żieda ta’ €250.

Rifużjoni ta’ taxxa għal min jibgħat it-tfal fi skejjel indipendenti

Dawk il-ġenituri li jibagħtu t-tfal tagħhom fi skejjel indipendenti li llum qed igawdu minn tnaqqis fit-taxxa fuq miżati mħallsa mis-sena d-dieħla it-tnaqqis li jogħla għal €1,600 fis-sena għal kull wild li jattendi ċentru ta’ kindergarten; €1,900 fis-sena  fil-każ ta’ skola f’livell primarju, u €2,600 għall-wild li jattendi skola f’livell sekondarju, żieda ta’ 300 ewro għal kull wild.

Żieda fil-ħlas tal-Għajnuna Medika

Mis-sena d-dieħla se nżidu l-ħlas tal-Għajnuna Medika mhux kontributorja  b’ħames ewro u erbatax -il ċenteżmu (€5.14) fil-ġimgħa lil dawk il-persuni miżżewġin fejn hemm żewġ adulti li jbatu minn mard kroniku u li qed jirċievu din l-Għajnuna.

Din iż-żieda tirriżulta mid-differenza li hemm sal-lum bejn ir-rata mħallsa lill-ewwel adult u r-rata mħallsa lit-tieni adult.  B’dan il-mod issa kull adult fil-familja jitħallas indaqs.  L-aktar li se jibbenefikaw minn din il-miżura huma koppji anzjani li t-tnejn għandhom mard kroniku u huma eliġibbli.

Żieda fiċ-Children’s Allowance għall-familji bid-dħul taħt l-€20,000

Żieda fiċ-Children’s Allowance għall-familji bid-dħul taħt l-€20,000

Għall-ewwel darba fi 11-il sena (u f’ċertu każijiet għal 23 sena), sejrin inżidu ċ-Children’s Allowances lill-familji bi dħul gross anqas minn €20,000 fis-sena.

L-ogħla rata ta’ Children’s Allowance se tkun qed tiżdied sa massimu ta’ €96 fis-sena għal kull wild. B’kollox hu stmat li 24,600 tifel u tifla minn 16,500 familja, se jgawdu minn din iż-żieda.

Kumpens għall-għoli tal-ħajja

Iż-żieda għall-għoli tal-ħajja, liema żieda hija maħduma skont formula maqbula bejn l-imsieħba soċjali kollha fi ħdan l-MCESD. Għas-sena d-dieħla ż-żieda se tkun ta’ €2.33 fil-ġimgħa.  Din iż-żieda se tingħata lill-impjegati kollha, kif ukoll lill-pensjonanti u lil dawk fuq il-benefiċċji soċjali. Lill-istudenti se jkun qed jingħatalhom il-kumpens pro-rata, biex b’hekk jerġgħu jogħlew l-istipendi.