Inkomplu ninvestu fl-għalliema

Għalhekk  se nkunu qed niftħu korsijiet ġodda u nintroduċu metodi ġodda ta’ tagħlim. B’hekk l-edukaturi, kemm ġodda kif ukoll dawk fis-servizz, jingħataw taħriġ biex isaħħu l-pedagoġija u jkomplu jaġġornaw ruħhom ma’ metodi ġodda ta’ tagħlim b’mezzi moderni, bħalma huma korsijiet on-line, biex ikunu jistgħu joffru kwalità ogħla ta’ tagħlim.

L-Istitut għall-Edukazzjoni se jiżviluppa korsijiet biex jagħti l-opportunitaˋ lill-għalliema supply f’livelli differenti biex wara li jtemmu l-korsijiet meħtieġa b’suċċess isiru eliġibbli għal pożizzjoni ta’ għalliema regolari. Se jkun hemm ukoll il-possibbilitaˋ li professjonisti li jridu jbiddlu l-karriera tagħhom u jsiru għalliema li jagħmlu l-kors meħtieġ biex isiru għalliema.

Edukazzjoni Inklussiva

Għal dan il-għan, se nkomplu nsaħħu t-tagħlim ta’ ilsna differenti biex iżjed studenti jiksbu l-ħiliet li jħaddmu tajjeb ilsna differenti barra l-Malti u l-Ingliż.

Se naħdmu wkoll biex iżjed studenti jagħżlu suġġetti mill-oqsma tax-xjenza, teknoloġija u l-matematika. Se nsaħħu r-rabtiet bejn l-edukazzjoni sekondarja u l-qasam post-sekondarju (bħall- MCAST, Junior College, Sixth Forms u ITS) biex iżjed żgħażagħ ikomplu u jtemmu programmi edukattivi rilevanti wara li jagħlqu s-16 -il sena.

L-Istrateġija tal-Gvern hu li nkomplu nneħħu l-istress minn fuq l-istudenti u ninvestu fil-wellbeing ħolistiku tal-istudent.

Gradwalment, se jkunu qed jiġu mneħħija l-eżamijiet ta’ nofs is-sena u minflokhom tiġi introdotta s-sistema ta’ assessjar kontinwu.

Se nniedu wkoll kampanja edukattiva fuq l-importanza ta’ dieta bilanċjata u nutrittiva.

Eżamijiet bla ħlas

Matul is-sena skolastika li għaddiet, dan il-Gvern wettaq waħda mill-miżuri ewlenin ta’ din il-leġiżlatura; dik li l-ħlasijiet għall-eżamijiet tas-SEC u l-MATSEC bdew ikunu ta’ inqas piż fuq l-applikanti billi nofs l-ispiża ta’ dawn l-eżamijiet bdew jiġu mħallsa mill-Gvern.

Mis-sena d-dieħla, se jitneħħa kompletament il-ħlas minn fuq l-eżamijiet tal-MATSEC u tas-SEC.  Għalhekk fi żmien sentejn ta’ din il-leġiżlatura, wettaqna din il-wegħda hekk importanti.