Estenzjoni fl-Allowance Miżjud għall-Carers

Tejjibna l-ħlasijiet lil dawk li jieħdu ħsiebhom fid-djar tagħhom u introduċejna kundizzjonijiet aħjar.  Dan sar permezz tar-riforma  fl-Allowance Miżjuda għal Carers li telgħet għal 140 ewro u kif ukoll l-Allowance għal Carers li telgħet għal 90 ewro.

Waħda mill-kundizzjonijiet li daħħalna kienet teżenta mit-test tal-mezzi applikanti għall-Allowance Miżjuda għal Carers. Minn Jannar din l- eżenzjoni se tibda tgħodd ukoll għal min japplika għall-Allowance għal Carers.  B’hekk aktar anzjani se tingħatalhom il-possibilitaˋ li jibqgħu jgħixu f’darhom u fil-komunitaˋ għax il-qraba li jieħdu ħsiebhom se jibdew jibbenefikaw huma wkoll.

B’din il-miżura, anke persuni miżżewġa sal-età pensjonabbli li jkunu jgħixu taħt l-istess saqaf mal-anzjan jew anzjana, se jibdew ikunu eliġibbli għall-Allowance għal Carers. Barra minn hekk, mis-sena d-dieħla meta persuna tapplika sabiex tieħu ħsieb anzjan jew anzjana li jkunu laħqu l-etaˋ ta’ 85 sena, mhux se tibqa’ ssir evalwazzjoni medika mill-bord multidixxiplinarju u l-allowance titħallas awtomatikament jekk il-carer u l-anzjan jew anzjana jkunu jgħixu fl-istess dar.

Għotja ta’ €300 fis-sena

L-għotja ta’ €300 fis-sena lil dawk li għalqu l-75 sena u li għadhom jgħixu fid-djar tagħhom se tkompli tingħata tul is-sena d-dieħla.

Din l-għotja li fis-sena tiswa 9 miljun ewro, jibbenefikaw minnha ’l fuq minn disa’ u għaxrin elf (29,000) anzjan u anzjana.

Pensjonanti tas-Servizz

Mis-sena d-dieħla dawk il-pensjonati li  jirċievu pensjoni tas-servizz u li għandhom 72 sena jew aktar jew li mis-sena d-dieħla ’l quddiem jilħqu din l-etaˋ, se ssir ir-reviżjoni tal-pensjoni tagħhom tas-sigurtaˋ soċjali. Hekk minflok kif dejjem sar s’issa li jiġi injorat nofs l-ammont ta’ pensjoni tas-servizz li jkun ġie kkomutat, mis-sena d-dieħla se jibdew jiġu injorati 75 fil-mija tal-ammont ikkomutat.

Aġġustament għal ħelsien mit-taxxa fuq pensjonijiet

Biex iż-żieda li qed tingħata fil-pensjonijiet inkluż iż-żieda tal-COLA ma tkunx intaxxata għas-sena d-dieħla, se nerġgħu ngħollu l-massimu ta’ dħul minn pensjonijiet, li mhux se jkun intaxxat, għal €13,434.

Żieda fil-pensjonijiet

Fl-2019 se nagħtu żieda ta’ żewġ ewro u sbatax -il ċenteżmu (€2.17) fil-ġimgħa lill-pensjonanti kollha tas-sigurtà soċjali, ċioeˋ pensjonanti tal-Irtirar, Romol, tal-Invaliditaˋ u dawk li jirċievu l-Pensjoni tal-Etaˋ.   Din iż-żieda se tkun barra dik maħsuba biex tagħmel tajjeb għall-għoli tal-ħajja. B’ hekk kull pensjonant se jieħu żieda  ta’ erba’ ewro u ħamsin ċenteżmu (€4.50) fil-ġimgħa.

Minn din il-miżura, se jkunu qegħdin jibbenefikaw ’il fuq minn 92,000 pensjonant. Din il-miżura ser tiswa €10 miljun.