Settur tas-Sajd

Fis-settur tas-sajd, filwaqt li nkomplu nnaqqsu l-piżijiet amministrattivi għas-sajjieda, se ninvestu fit-titjib taċ-Ċentru tal-Akwakultura f’San Luċjan u anke se jiġi żviluppat control hubġdid fil-Marsa. Grazzi għal dan il-control hub is-servizzi offruti lis-sajjieda se jkunu ċentralizzati sewwasew biswit il-Pixkerija. Il-Gvern għandu wkoll il-ħsieb li jniedi skema sabiex jiġu rrestawrati dgħajjes tas-sajd tal-injam li għandhom iktar minn għoxrin sena. B’din l-inizjattiva se nkunu qed ngħinu lis-sajjied filwaqt li nippriservaw dgħajjes tradizzjonali Maltin u s-snajja’ marbuta magħhom.

Strutturar tas-settur tal-biedja

Wara t-tfassil tal-politika agrikola, issa se tibda l-implimentazzjoni ta’ numru ta’ miżuri.  Fosthom irridu nkomplu nippromwovu l-prodott Malti bħala wieħed ta’ kwalitaˋ u ninvestu aktar fiċ-ċentru għar-riċerka dwar il-vitikoltura li għandna fil-Buskett.  Irridu nirristrutturaw dan is-settur biex ikun aktar profittabbli u allura jattira bdiewa żgħażagħ li jistgħu jibdew iħarsu lejn kunċetti ta’ agri-business u mhux biedja bil-mod tradizzjonali.