L-istorja ta’ Antonio

Meta poġġejt quddiem l-Admissions Board tal-Universita’ ta’ Malta, kont naf li kien se jkun mument deċiziv f’ħajjti. Tkun ġo u jistaqsuk tispjega għalfejn trid tkun mature student u tistudja biex iġġib degree mill-Universita’.

Kelli 23 sena meta meta xtaqt insir podiatrist. Podiatrist hu professjonist li jagħti dijanjosi, jitratta u jirrijabilita’ kundizzjonijiet fin-naħa t’isfel tas-sieq. Il-kors intensiv ħafna u speċjalizzat, u għalhekk irid ikollok ċertu A’levels biex tiġi aċċettat. L’unika kwalifika relevanti li kelli kienet kwalifika fil-bijoloġija fil-livell ordinarju. Sebgħa snin ilu, għalkemm kont naf li kienet se tkun diffiċli, iddeċidejt li nieħu ċans. L-Admissions board indunaw li ridtha u wegħdtom li mhux se jkunu qed jaħlu l-ħin u rizorsi tagħhom miegħi.

Il-bidu ma kienx faċli u ridt nipprova nlaħħaq mal-kumplament tal-klassi. Kont naf biss l-affarijiet vera baziċi u kelli naħdem id-doppju ta’ ħaddieħor biex inkun fl-istess livell. L-ewwel ftit xhur kienu diffiċli ħafna. Kelli 23 u kont għadni nibda nistudja, waqt li sħabi kienu qed jibdew ħajja ġdida f’impjiegi ġodda u jaqalgħu ħafna flus. Ħafna nies jgħidu li mature students m’għandux ikollhom stipendju, imma din hi kwistjoni ta’ dinjita’. Ta’ 23 sena, ma tmurx għand il-ġenituri tiegħek u ssaqsihom għall-flus. L-stipendju jgħinek tixtri l-kotba li għandek bzonn u tibqa tgħix. Allinqas kelli flus għall-karozza.

Għalkemm kont naf li t-triq quddiemi ma kienitx se tkun faċli, ma kien hemm ebda punt fejn kont se naqta qalbi. Ridt li nasal u kont se nasal. Ridt ngħin lin-nies li għandhom problemi f’saqajhom. Ħafna drabi dawn huma nies b’kazijiet ta’ dijabete, uħud jitwieldu b’diffikultajiet u oħrajn ikollhom kundizzjonijiet differenti. Għalfejn għandi daqsekk passjoni dwar is-suġġett? Għax naf xi tfisser. Jien wieħed minn dawn in-nies. Twelidt b’ talipes talipes equanovarus kundizzjoni magħrufa aħjara bħala club foot.

F’Malta, jekk ikollok sieq prostetika in-nies iħarsu lejk b’mod differenti. Jiddefinixxuk bħala miskin. Fil-passat, nies bħali kienu jibqgħu moħbija. Jien nirrifjuta u għalhekk dejjem nipprova nagħmel aktar. Il-kundizzjoni tiegħi kienet il-motivazzjoni li għenitni biex dejjem nikseb aktar. F’ħajja mimlija sorprizi, l-aħħar ħaġa li wieħed jistenna li se nagħmel hi l-Atletika.

Fl-2008 ġrejt fil-Paralympics u minħabba uġieħ f’sieqi tlift dawk tal-2012. Minħabba operazzjoni, tlift tal-2016 ukoll. Tħossok ħazin ħafna li titlef avvenimenti bħal dawn, imma dejjem issib aktar enerġija għall-appuntament li jmiss. Matul dawn l-aħħar xhur, zidt l-intensita tat-taħriġ ħalli meta jaslu l-Paralympics tal-2020 inkun hemm.

Illum inħossni tajjeb. Sena ilu iggradwajt bħala Podiatrist u naħdem fiċ-ċentru tas-saħħa ta’ Bormla. Xogħli joġobni ħafna u nħossni tajjeb ħafna li ngħin lin-nies fil-komunita milli fl-isptar. Din tgħin lill-professjonisti fis-settur jibnu relazzjoni mal-pazjenti tagħhom.

Ħafna mill-pazjenti li se niltaqgħu magħhom jkunu qed jaffaċċjaw mumenti diffiċli f’ħajjithom, speċjalment jekk ikollhom xi amputazzjoni minħabba d-dijabete. Parti minn xogħli hu li nimmotivahom li jkomplu jgħixu ħajjithom. Ħafna drabi jħarsu lejja bħala bħala xi ħadd li ma nifhimx sakemm nxammar il-qalza u jindunawhom li bħalhom.

Dejjem hemm kapitlu x’jinkiteb u anka l-akbar muntanja tista titla jekk temmen u tkun determinat.

Is-sena d-dieħla se nizzewweġ u mmur ngħix mal-mara tiegħi. Ħajti saret qisa ġirja. Xi kultant ikollok id-dwawar u drabi oħra l-ostakli.

Għall-bidu jaf ma jirnexxielekx u li jkollok d-dizappunti parti mill-esperjenza. Li għandek bzonn li tibqa tiġri. Il-quddiem. Tħarisx lura.